The Malta Independent 23 April 2024, Tuesday
View E-Paper

Inbieghu is-sahha jew sahhitna nbieghet?

Marlene Farrugia Tuesday, 29 November 2016, 07:50 Last update: about 8 years ago

Is-settur tas-saħħa mhux faċli biex issostnieh. 

Il-popolazzjoni anzjana dejjem tikber titlob aktar tipi ta' kura għal aktar żmien. L-ambjent u l-livell tal-istress hu li hu, il-vizzji ma jonqsux u nippriedkaw kemm nippriedkaw aħna poplu li żaqqna ma nibddluha ma xejn u l-eżerċizzju mhuwhiex ħabib tagħna daqs kemm hemm bżonn li jkun. 

Barra minn dan kollu, it-tipi ta' mediċini, u l-forom ta' teknoloġija għad-diagnożi u għall-kura dejjem jiżdiedu, u allura l-bżonn ta' l-investiment kontinwu ma jonqosx.

Issa kulħadd jaf illi jekk fil-privat biex tibni sptar jiswielek mitt ewro u ddum sentejn, jekk ikun tal-Gvern dan jiswielek ħafna u ħafna aktar, ddum iktar biex tlestieh u jiswielek iktar biex iżżommu, jekk ma ssibx ukoll li minkejja li tkun ħallast biz-zalza, xorta hemm strutturi difettużi għax tkun ħallast għal prodott mod u laqqatt riżultat mod iehor. 

Lkoll nafu wkoll li jekk pazjent fil-privat jiswielek medja ta' mitt ewro kuljum biex iżżommu u tikkurah, fl-isptarijiet pubbliċi x'aktarx li l-istess kura fl-istess żmien tiswielek ferm u ferm aktar. 

Minħabba li din is-sitwazzjoni ta' diskrepanza bejn dak li jonfoq il-poplu f'taxxi biex isostni dan is-servizz bażiku għall-ħajja, u bejn dak li fil-prattika suppost jiswa' dan is-servizz, hija sitwazzjoni li ilha hekk żmien u ġmielha taggrava, il-gvern ta' Muscat kellu jiehu deċiżjoni. 

L-għażla kienet bejn jekk jiċċalinġjax l-istatus quo u l-establishment minsuġ f'għanqbuta ta' nteressi, inaddaf tindifa u jmexxi sew biex jirrendi s-settur  ħieles mis-susa f'kull livell, jew inkella jingħaqadx huwa wkoll mal-establishment billi jfarfar mir-responsabilita ta' ristrutturar b'roadmap bil-pazjent u l-ħaddiem fiċ-ċentru tagħha, u minflok juża flus il-poplu biex jinvesti u jirranġa, jispiċċa jwaddab dal-flus fl-għama lejn l-isfida ppreżentata lilu. 

M'għandniex xi ngħidu li l-għażla ta' roadmap serja ovvjament kienet ser tirfes kallijiet u mhux ftit. 

Barra minn hekk biex tasal u tirnexxi tinħtieg kompetenza u dedikazzjoni kbira lejn il-pazjent u l-vulnerabbli li jew ikollok ġo qalbek, jew lanqas biss tkun taf fejn toqgħod. 

Dan bħal meta jkollok dar mfarrka u jkollok familja xi żżomm. 

Tkun bejn ħalltejn jekk tidħolx għal ħafna spejjeż u skariġġ biex tirranġaha, u tgawdi l-frott, jew tbiegħhiex b'li jiġi u teħles eħfef fl-immedjat imma darek ma tkunx tiegħek aktar u tispiċċa li trid tfittex saqaf ġdid bil-prezz li ssib, jekk issib. 

Jekk tkun taf għalxiex diehel jaf tmur tajjeb jekk tbiegħ, jekk tarmi ġidek u tixtri bl-addoċċ tbati int u wliedek miegħek. 

Intant, anke jekk fl-aħħar minn l-aħħar, id-deċiżjoni ttieħdet li jiġi pprivatizzat porzjon qawwi mis-servizzi tas-saħħa, ma kinetx tkun waqgħet id-dinja sakemm wiehed iżomm saqajh mal-art u ma jimbelgħax minn dak li kien qed jikkkompromettieh qabel ma anke hu sar parti minnu. 

Sakemm wieħed ikun jaf x'biegħ, lil min biegħ, li dak li biegħ ġab prezz ġust u tajjeb għalih, u li dak li issa ser ikollu jixtri ser ikun ta' kalibru aqwa u li ser jieħdu bi prezz li jaqbel u jagħmel sens għax ser imur aħjar, kieku jkun hekk, kulħadd kuntent, kulħadd ferħan.

Imma jekk minn naħa l-oħra lis-sidien ta' dak li qed tbiegħ, f'dan il-kaz il-poplu, ma tkunx kapaċi tgħidilhom sewwa sew x'biegħt f'isimhom, lil min biegħt, taħt liema kundizzjonijiet,  xi gwadann hemm minn dan il-bejgħ, biex ser tissostitwixxi dak li neħħejt, kemm ser jiswielhom u għaliex, u għalxiex qablilhom daqshekk, jekk ma twiġiebx lin-nies jew lir-rappreżentanti tagħhom ovvja li ser iduru fuqek u jakkużawk li m'intix tirraġuna. 

Bħalissa f'din is-sitwazzjoni qiegħed il-poplu.

Il-bejgħ tas-settur tas-saħħa sar f'tebqa t'għajn, mingħajr l-iċken stqarrija fil-parlament, mingħajr l-iskrutinju tal-parlament u mingħajr l-iċken dibattitu.

Lill-poplu u lill-Parlament, l-ewwel ħbewlu l-kuntratt, imbagħad tawh il-kuntratt nieqes it-tweġibiet li għandu bżonn biex iserraħ rasu li mhix xi ħadma oħra bħal tal-Enemalta, taż-Żonqor, tal-art tal-ITS, tal-Premier, tal-Electrogas, tat-torrijiet ta' Paceville u x'naf jien. 

Imbagħad biex jgħattu l-pannu bil-qara' aħmar, u wara li l-Ombudsman qal ċar u tond li bil-privatizzazzjoni hu ma setax jipproteġi aktar lin-nies f'ilmenti fis-settur tas-saħħa, il-ministru attwali, li ngħata l-inkarigu wara li kien biegħna ta' qablu, ħareġ jiġri bil-propaganda tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-pazjent. Din mhix ħlief bżar fl-għajnejn. Hija biss dikjarazzjoni bla snien la mhux imsaħħa bil-leġislazzjoni neċessarja biex taqdi lin-nies. 

Issa jekk fil-bosta skandli u bawxati oħra in-nies ħassewhom imweġġa' u nsultati, inħallikom taħsbu x'qed jaħsbu fuq din fejn la jafu x'ser jiġri mill-ingaġġ futur ta' dawk il-ħaddiema li qed jitħarrgu fis-settur, u taħt liema kundizzjonijiet, la jafu kif eżatt ser jintnefqu il-miljuni li ngħataw lill-din il-kumpanija mill-flus tal-budget, la jafu din il-kumpanija minn fejn ġabet il-miljuni li ntqal li ser tinvesti fl-isptar t'Għawdex, St Lukes u Karen Grech, la jafu x'inhu t-timeframe biex dawn il-proġetti' jitlestew,  u fuq kollox ma jafux jekk x'ħin jiġu bzonn intervent, operazzjoni jew follow up hux ser jingħatalhom fil-ħin biex iżmmhom hajjin, jew hux ser jinqdew għall-bżonn tagħhom waqt li għadhom ħajjin!

In-nies qed jistaqsu għalfejn biegħna l-isptarijiet u biċċa sew mis-sevizz?

Jekk l-art li kienet tal-ITS u li ser tingħata lill-privat giet stmata 'l fuq minn mitejn miljun, mela St Lukes u l-art imprezzabbli tieghu, ta' Karen Grech u tal-isptar t'Għawdex kemm tiswa?

U għalfejn tajna dawn il-binjiet u artijiet massiċċi b' servizzi l-aktar importanti ghat-tisħiħ tas-soċjeta tagħna bil-hbub lill-barranin?

  • don't miss